You may browse through our online list of NAO publications which include audit reports and annual reports. The audit reports are categorised according to the Classification of the Functions of Government (COFOG) developed by the OECD.
All Publications
L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia laqa’ lill-Awditur Ġenerali, is-Sur Charles Deguara, li ppreżentalu l-pubblikazzjoni kommemorattiva tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika li tfakkar il-laqgħa tal-EU Contact Committee li saret f’Malta f’Novembru li għadda. Din il-pubblikazzjoni tfakkar okkażjoni ta’ importanza kbira għal pajjiżna, li matulha l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, f’kollaborazzjoni mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, laqa’ f’Malta lill-kapijiet tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tal-pajjiżi kandidati għall-laqgħa annwali tagħhom.
L-Ispeaker qal li din il-konferenza kienet ta’ importanza partikolari għal Malta u għall-Unjoni Ewropea, għaliex laqqgħet flimkien lill-ogħla awtoritajiet Ewropej fil-qasam tal-verifika pubblika sabiex jiddiskutu sfidi komuni marbuta mal-governanza, mar-responsabbiltà istituzzjonali u mal-kompetittività tal-Ewropa. Huwa saħaq li, kif stqarr fl-indirizz tiegħu waqt l-istess konferenza, ir-responsabbiltà mhijiex xkiel għall-progress, iżda l-kumpass tiegħu, u li l-ħidma tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika tibqa’ essenzjali biex tissaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku fl-istituzzjonijiet u biex jiġi żgurat li r-riżorsi pubbliċi jintużaw bil-għaqal, b’serjetà u fl-aħjar interess taċ-ċittadini.
L-Ispeaker laqa’ din il-pubblikazzjoni bħala tifkira xierqa ta’ avveniment internazzjonali ta’ importanza kbira li Malta ospitat b’suċċess, u bħala xhieda tal-ħidma siewja mwettqa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika favur it-tisħiħ tal-governanza tajba, tat-trasparenza u tal-koperazzjoni istituzzjonali fuq livell Ewropew.

